Iżjed fuq l-Alkoħoliżmu ALKOĦOLIŻMU

Ħafna minna ma konniex lesti li n’ammettu li konna tassew alkoħoliċi. Ħadd ma jixtieq jara lilu nnifsu differenti minn ħaddieħor. GĦalhekk, ħadd m’għandu jiskanta li l-ħajja tagħna tax-xorb kienet mimlija sforzi biex nikkonvinċu lilna nfusna li aħna nistgħu nixorbu bħal nies oħrajn. L-idea li b’xi mod jew xi darba dak li jkun jkollu kontroll fuqu nnifsu u jibda jgawdi xorb normali bħal ħaddieħor hija l-ħolma kbira ta’ kull alkoħoliku. Hawm minn jitbellah wara din il-ħolma. Ħafna jibqgħu jgħixu fiha sakemm jiġġennu jew imutu.

Aħna tgħallimna li kellna bilfors nammettu fil-fond magħna nfusna li konna alkoħoliċi. Dan hu l-ewwel paass biex infiqu. L-illużjoni li aħna bħal nies oħrajn, jew li nistgħu nsiru hekk f’qasir żmien, trid tinqered.

Aħna alkoħoliċi rġiel u nisa li tlilfna l-ħila li nikkontrollaw ix-xorb. Aħna nafu li l-ebda alkoħoliku qatt ma jirnexxielu jerġa jkollu l-ħila jikkontrolla. Kolla kemm aħna konna kultant inħossu li konna qegħdin nerġgħu nieħdu r-riedna f’idejna, imma dawn il-perjodi – spiss qosra – dejjem wasslu għal anqas kontroll, tant illi mbagħad wassluna biex spiċċajna fi stat tal-biki u b’qalbna maqtugħa iżjed minn qabel. Aħna ċerti li alkoħoliċi tat-tip tagħna jkunu nqabdu fil-morsa ta’ marda li tmur għall-agħar iżjed ma jgħaddi ż-żmien. Maż-żmien insiru agħar, qatt aħjar.

Aħna bħal dawk li tilfu saqajhom, qatt ma jista’ jkollhom par ieħor. Lanqas ,a jidher illi teżisti xi forma ta’ kura li twassal alkoħoliċi tat-tip tagħna biex jkunu bħal nies oħrajn. Ippruvajna kull rimedju li wieħed jista’ jimmaġina. Kull tant kien ikun hemm titjib, imma dan dejjem reġa’ wassal għal xorb għar minn qabel. Tobba midħla ta’ l-alkoħoliżmu jaqblu li ma jistax ikun li alkoħoliku jinbidel fi bniedem li jixrob normali. Tista’ forsi x-xjenza xi darba tasal għal xi kura f’din il-ħaġa, imma s’issa ma rnexxielhiex.

Minkejja dak kollu li nistgħu ngħidu, ħafna li huma tassew alkoħoliċi ma jaslux biex jemmnu li huma f’din is-sitwazzjoni. Jużaw kull mezz u metodu li jqarraq biex jippruvaw juru li l-marda ma ħakmithomx u allura m’humiex alkoħoliċi. Jekk xi ħadd li jitlef il-kontroll fuq ix-xorb jurina li għandu l-ħila jinbidel mil-lejl għan-nhar u jibda jikkontrolla x-xorb bħal bniedem ġentlom, aħna nifirħulu. Alla biss jaf kemm-il darba ppruvajna nixorbu bħal nies oħra!

Dawn huma ftit mil-metodi li ppruvajna: nixorbu l-birra biss, nillimitaw in-numru tal-grokkijiet, ma nixorbux waħedna, ma nixorbux fil-għodu, nixorbu biss id-dar, ma nħallux xorb id-dar, ma nixorbu qatt waqt il-ħin tax-xogħol, nixorbu biss f’xi party, nibdlu minn wiski għal brandi, nixorbu biss imbid ġenwin, naċċettaw li nirriżenjaw jekk ninqabdu fis-sakra waqt il-ħin tax-xogħol, insiefru, ma nsifrux, naħilfu (fuq jew mhux fuq is-salib) li nieqfu, inżidu l-eżerċizzi fiżiċi, naqraw kotba li jispirawna, immorru x’imkien biex intejbu saħħitna u moħħna, nidħlu minn jeddna fi sptarijiet tal-mard tal-moħħ. Il-lista nistgħu bla tarf.

Mhux il-gost tagħna li nighdu li xi ħadd hu alkoħoliku, imma inti stess tista’ tkun taf f’qasir żmien. Mur fl-eqreb ħanut tax-xorb u pprova ixrob bil-qies. Ipprova ixrob u ieqaf mill-ewwel. Ippruvaha aktar minn darba. Ma teħodlokx żmien twil biex tiddeċidi jekk tkun sinċier miegħek innifsek. Tajjeb li tkun taf sew il-kondizzjoni li qiegħed fiha, avolja dan jista’ jqabbdek il-bard.

Alcoholics Anonymous, pp.30-32